Madwar l-Unjoni Ewropea, hemm 29 lingwa tas-sinjali nazzjonali rikonoxxuti. Dawn il-lingwi ma jintużawx biss minn persuni li huma neqsin mis-smigħ, iżda jużawhom ukoll nies li mhumiex neqsin mis-smigħ imma jixtiequ jikkomunikaw mal-familja jew mal-ħbieb. Biex titqajjem kuxjenza dwar din id-diversità lingwistika u kulturali, in-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat it-23 ta’ Settembru bħala l-Jum Internazzjonali tal-Lingwi tas-Sinjali. F’dan l-episodju, se nagħtu ħarsa lejn il-lingwi tas-sinjali fl-Unjoni Ewropea u x’qed jagħmel il-Parlament Ewropew biex jippreservahom u jippromwovihom.
L-Unjoni Ewropea għamlet ħafna biex tiżgura aktar ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, iżda fadal xi jsir. Permezz tal-istrateġija tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-UE qed timmira li telimina l-kundizzjonijiet inġusti għan-nisa u tiżgura soċjetà aktar stabbli li ttejjeb il-ħajja ta’ kulħadd.
L-Unjoni Ewropea aġġornat ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq u timmodernizza l-mobbiltà. Fost il-bidliet ewlenin insibu l-liċenzja tas-sewqan diġitali li hija valida fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kundizzjonijiet aktar stretti għas-sewwieqa ġodda u kontrolli armonizzati tal-kundizzjoni medika tas-sewwieqa. L-infurzar transfruntier tal-projbizzjonijiet tas-sewqan se jiżgura li r-reati serji jiġu kkastigati fl-Unjoni Ewropea kollha. Dawn ir-riformi jappoġġjaw l-għan ta’ Viżjoni Żero: li sal-2050 neliminaw l-imwiet u l-korrimenti serji fit-toroq.
Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2022, l-iskarsezza tal-ilma affettwat 34% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea u 40% tal-art tagħha.
Il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa bħalma huma Ċipru, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja huma l-aktar milquta ħażin mill-iskarsezza tal-ilma. Iżda l-kriżi issa qed tinfirex ukoll lejn it-Tramuntana, u qed taffettwa żoni li qabel kienu meqjusa li huma siguri fir-rigward tal-ilma.
Fl-Ewropa, l-istress fir-rigward tal-provvista tal-ilma diġà huwa kwistjoni serja, u fil-futur, din il-kwistjoni se tiggrava minħabba t-tibdil fil-klima. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea qed tipprova ssib soluzzjoni komuni għal din l-isfida.
Minkejja li s-sensibilizzazzjoni u l-isforzi biex nirriċiklaw żdiedu, ammont sinifikanti ta’ skart tal-plastik fl-UE għadu mhuwiex jiġi riċiklat. F’dawn l-aħħar ftit snin, l-UE bdiet miexja lejn ekonomija ċirkolari għall-plastik. Iżda biex naslu għal futur mingħajr plastik għandna triq twila quddiemna, u lkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna.
Il-Mercosur huwa alleanza reġjonali ta’ pajjiżi fl-Amerka Latina u wieħed mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE. L-UE ilha tipprova ssawwar rabtiet aktar mill-qrib mal-Mercosur, iżda mhux kulħadd tal-fehma li din hija idea tajba.
Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa trattat internazzjonali li jorbot legalment u li ġie adottat fl-2015 waqt il-COP21. Il-COP hija l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li tiġi organizzata kull sena.
L-għan ewlieni ta’ dan il-Ftehim huwa li t-tisħin globali jinżamm ferm inqas minn 2°C, idealment 1.5°C, meta mqabbel mal-livelli preindustrijali.
Dan jiġbor fi ħdanu kważi l-pajjiżi kollha tad-dinja bis-saħħa ta’ impenn komuni biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-Unjoni Ewropea rratifikat il-Ftehim ta’ Pariġi fl-2016, u b’hekk poġġietu fil-qalba tal-politika tagħha dwar il-klima.
F’Jannar 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-Boxxla għall-Kompetittività. Din hija l-ewwel inizjattiva ewlenija tat-tieni Kummissjoni mmexxija minn Ursula von der Leyen. Il-Boxxla tipprovdi qafas strateġiku u ċar biex tiddefinixxi l-ħidma tal-Kummissjoni. Tistabbilixxi triq sabiex l-Ewropa ssir il-post fejn it-teknoloġiji, is-servizzi u l-prodotti nodfa tal-futur jiġu vvintati, manifatturati u mqiegħda fis-suq, filwaqt li tinkiseb in-newtralità klimatika.
L-isport jagħmel tajjeb lil saħħitna u jgħaqqad lil nies minn kull qasam tal-ħajja. Skopri kif l-UE qed tippromwovi l-isport u tagħmlu aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Il-foresti primarji u antiki fl-Unjoni Ewropea huma rari, żgħar u frammentati.
Dawn jammontaw għal inqas minn 3% taż-żona totali tal-Ewropa li hija miksija bil-foresti. Huma ekosistemi naturali mhux mittiefsa, fejn ftit li xejn jew lanqas tara sinjal tal-impatt tal-bniedem, u fejn tiffjorixxi l-ħajja selvaġġa kif ilha tagħmel għal sekli sħaħ. Dawn il-foresti għandhom rwol ewlieni fil-konservazzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll fl-assorbiment u l-ħażna tal-karbonju. Huma jgħinu wkoll fil-provvista tal-ilma ħelu, fir-regolamentazzjoni tal-kundizzjonijiet lokali tal-klima u fiż-żamma tas-saħħa tal-bnedmin. Huma jospitaw ukoll ħafna speċijiet fil-periklu.
Il-protezzjoni tal-foresti tal-Ewropa mhijiex biss ir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali. Dan huwa impenn komuni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew jinsab fiċ-ċentru ta’ dawn l-isforzi. Hu jappoġġja bil-qawwi l-preservazzjoni tal-foresti primarji u antiki.
Li nipproteġu lit-tfal u naraw li dawn ikunu jistgħu jgħixu ħajja sikura, b’saħħitha u kuntenta, hija waħda mill-aktar responsabbiltajiet importanti tas-soċjetà. Permezz tal-leġiżlazzjoni tagħha, l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tiżgura li t-tfal ikunu protetti fid-dinja tal-lum li dejjem qed tevolvi.
Fid-djar madwar id-dinja, kuljum jinħlew mill-inqas biljun ikla magħmula b’ikel li jkun għadu tajjeb. Dan hu biżżejjed biex kull persuna fid-dinja li qed tbati l-ġuħ tiekol darba kuljum. Meta narmu l-ikel inkunu qed naħlu wkoll l-enerġija u r-riżorsi kollha li jkunu ntużaw biex sar. Barra minn hekk, l-impatt fuq l-ambjent, bħall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, xorta jseħħ. Imma ħadd ma jkun qed jibbenefika mis-sustanzi tal-ikel. Għaldaqstant, il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-immaniġġjar tal-iskart jimmiraw li jnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa u fuq l-ambjent ikkawżati mill-ħela.